Anton Buttiġieġ kien it-tielet tarbija ta' Salvu u Concetta, imwielda Falzon. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Qala (1916-1922) u fis-Seminarju t'Għawdex (1923-1927). Issokta bl-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, f'Malta (1928-1930) u fl-Università ta' Malta. Iggradwa b'Baċellerat tal-Arti fl-1934 u ġab Dottorat fil-Liġi fl-1940. Daħal fil-Parlament fl-1956. Kien Delegat tal-Partit għall-Konferenzi Kostituzzjonali ta’ Malta li saru f'Londra fl-1958 u fl-1964. Mill-1959 sal-1961 kien President tal-Partit Laburista. Fis-27 ta' Diċembru 1976, Anton Buttiġieġ inħatar bħala t-tieni President tar-Repubblika ta' Malta, kariga li żamm sal-1982. Fi żmien il-Presidenza tiegħu telqu l-aħħar suldati Ingliżi minn Malta, fil-31 ta' Marzu 1979, li sar Jum Nazzjonali magħruf bħala Jum il-Ħelsien. Buttiġieġ beda jippubblika mill-1928. Fl-1929 beda jippubblika l-poeżiji fil-Pronostku Malti u rebaħ is-sitt premju bil-poeżija "Sajf". Huwa kien wieħed mill-membri tal-bidu tal-Għaqda tal-Malti (Università) fl-1931, imwaqqfa minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici. Kien ukoll membru tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, illum l-Akkademja tal-Malti. Jibqa' magħruf bħala l-Poeta tan-Natura għal ħafna poeżiji li għandu fuq is-suġġett. Buttiġieġ kien l-ewwel wieħed li uża stili ta' poeżija Ġappuniża bħat-tanka u l-ħajku, u ppubblika żewġ kotba ta' poeżiji satiriċi u ċajtiera. Nistiednek tkompli żżur din il-websjat fejn ser issib ġabra ta' poeżiji mill-isbaħ kif ukoll ritratti storiċi mill-ħajja ta' Buttiġieġ.